Josef Xuereb
Josef Xuereb beda jistudja l-pjanu ta’ 6 snin, u ta l-eżamijiet ta’ l-Associated Board for the Royal Schools of Music sa Grade 6. Huwa tgħallem idoqq l-orgni waħdu u ngħaqad mal-Kor Santa Ċeċilja fl-2002, meta kellu 14-il sena.
Hu akkumpanja l-Kor f’bosta funzjonijiet importanti, fosthom il-pussess ta’ l-Arċipriet Fr Albert Buhagiar fl-2002 (fl-istess sena li ingħaqad mal-Kor), il-festa ta’ San Nikola ta’ kull sena (fosthom il-ħruġ min-niċċa) u l-aħħar quddiesa ta’ Mons Felix Del Blanco Prieto bħala Nunzju Appostoliku ta’ Malta fl-2007.
Minkejja li ħafna mid-daqq tiegħu jikkonsisti f’akkumpanjamenti għall-kor, ir-repertorju organistiku tiegħu spiss jiġi aġġornat. Ir-repertorju jibbaża fuq mużika Barokka, bħal dik ta’ Bach, Buxtehude, Pachelbel, Couperin u oħrajn, iżda jinkludi wkoll xogħlijiet oħra ta’ kompożituri li ġew wara, fosthom Mendelssohn u Widor.