Il-Kor Parrokkjali “Santa Ċeċilja” - Parroċċa Siġġiewi

50 SENA TA SERVIZZ - Id-29 ta' Novembru 2009, hija l-50 sena mit-twaqqif tal-Kor Parrokkjali Santa Ċeċilja tas-Siġġiewi. Fis-Siġġiewi minn dejjem kien hawn nies li kellhom xi konnessjoni mal-mużika, fosthom is-Surmast Salvatore Mallia u ibnu s-Surmast Carmelo Mallia, is-Surmast Ġużeppi Muscat u s-Surmast Ġużeppi Saliba, l-organista Salvu Mamo, u t-Tenur Nicolo’ Baldacchino (1895-1971) li kien kanta f’diversi teatri ta’ l-Italja. Kien hawn ukoll Dun Ġannmari Zammit (1738-1802) mis-Siġġiewi li kien espert u professjonista fuq l-orgnijiet tal-knejjes. Huwa kien jimporta orgnijiet u jimmuntahom u jibnihom huwa stess fil-post.1 L-orgni huwa strument mużikali li jagħni ċ-ċerimonji li jsiru fil-knejjes, għax bid-daqq ta’ l-orgni u l-kant, il-moħħ jintrefa’ lejn Alla.2



IL-KOR FI ŻMIEN L-ARĊIPRIET DUN ALWIĠ DEGUARA (1960-75)
L-Arċipriet Deguara ħa ħafna interess fil-Kor u mill-ewwel ta kull għajnuna possibbli kemm morali kif ukoll materjali. Dun Danjel flimkien mal-Kor ma naqsu qatt li jagħtu s-sehem tagħhom, fil-festi liturġiċi ta’ matul is-sena. Wara l-mewt tas-Surmast Pawlu Nani, id-Direttur tal-Kor Dun Danjel beda jmexxi u jiddirieġi l-Orkestra u l-Kor fil-funzjonijiet kollha tal-festa. Fl-istess żmien hu kkompona xi mużika ta’ wħud mill-innijiet lil San Nikola.5 F’Ġunju 1966 beda jorganiżża l-programm fuq il-planċier tas-Sibt filgħaxija lejlet il-festa ta’ San Nikola, bis-sehem tal-Kor u l-Banda San Nikola. Dak iż-żmien mal-Kor kien hemm xi kantanti jew tenuri fosthom insemmu lil Roberto Vella, Micallef Grimaud, Vella Bondin, Mallia, Zarb, Andrew Sapiano, Pio Zammit u xi oħrajn.6
Matul dan iż-żmien il-Kor ħa sehem f’attivitajiet fil-parroċċa, kif ukoll barra l-parroċċa, fosthom:-
IL-KOR MATUL IL-PARROKAT TA’: L-ARĊIPRIETI DUN JOE CARABOTT (1976-81) U L-KAN. DUN ĠUŻEPP THEUMA (1981-82)
L-Arċipriet Dun Joe Carabott, fil-bidu tal-parrokat tiegħu ta kull għajnuna meħtieġa lill-Kor. Għall-ħabta tas-sena 1978, id-Direttur tal-Kor Dun Danjel Farrugia irtira. Dun Danjel offra ħafna mill-ħin liberu tiegħu, u ħadem kemm felaħ biex il-Kor jimxi ’l quddiem. Il-membri huma l-mutur tal-Kor, għalhekk meta naqsu fin-numru kien inħass dan in-nuqqas. L-Arċipriet Dun Joe Carabott, fil-fuljett tal-Parroċċa, “Is-Siġġiewi Ottubru 1978”, għamel appell għal min ried jidħol fil-grupp tal-kant. Għal dan il-għan kienet twaqqfet kummissjoni apposta. Wara xi żmien, is-Sur John Vassallo organista fil-Parroċċa beda jieħu ħsieb il-kor. Fuq il-fuljett “Is-Siġġiewi Ġunju 1987 deher dan il-kumment: “li fiż-żmien l-Arċipriet Dun Joe Carabott il-Kor kien ta’ siwi kbir fis-servizz Liturġiku fil-Festi Prinċipali matul is-sena. Kont tieħu gost tara xebbiet u ġuvintur, nisa u rġiel jinġabru flimkien biex ifaħħru ’l Alla bil-kant”. F’dan iż-żmien il-Kor ta s-servizz tiegħu ukoll, kemm fil-festi prinċipali kif ukoll f’dawk sekondarji. Il-Kor ħa sehem ukoll fil-Quddiesa Solenni ta’ Ringrazzjament ta’ Dun Danjel Farrugia fl-okkażjoni tal-25 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu nhar il-Ħadd 13 ta’ Ġunju 1976.
IL-KOR FI ŻMIEN L-ARĊIPRIET IL-KANONKU DUN LAWRENZ MIFSUD (1983-94)
L-ex-Arċipriet il-Kanonku Dun Lawrenz Mifsud iħobb ħafna l-Mużika u prova ta’ dan huma d-diplomi li għandu fil-Mużika (pjanu u l-orgni), kif ukoll fil-Kompożizzjoni mir-Royal School of Music ta’ Londra.7 Mill-bidu tal-parrokat tiegħu huwa ħa l-inizjattiva li jorganiżża l-Kor “Siġġiewi Choir”. Beda jlaqqa’ l-membri tal-Kor għat-tagħlim tal-Mużika korali u klassika, u kien id-Direttur u l-organista fl-istess ħin. Kien hemm żewġ organisti oħra biex jgħinuh: is-Sur John Aquilina u s-Sur John Vassallo. Dak iż-żmien kienet issir il-preparazzjoni meħtieġa għall-funzjonijiet liturġiċi prinċipali tas-sena kollha. Dawn kienu:- il-Milied, l-Ewwel tas-Sena, il-Ġimgħa l-Kbira, il-Għid, u l-Festa ta’ San Nikola.8 Mis-sena 1989 ’l quddiem il-Kor reġa’ ta bidu għas-servizz tiegħu fil-programm ta’ lejlet il-festa ta’ San Nikola flimkien mal-Banda San Nikola fuq il-planċier. It-Tlieta 22 ta’ Novembru 1988, fil-festa ta’ Santa Ċeċilja li hija l-protettriċi tal-Mużika, fil-Knisja Arċipretali saret Konċelebrazzjoni Solenni, bis-sehem tal-Kor. Dak in-nhar il-Kor ingħata l-isem, “Kor Santa Ċeċilja”. Il-Kor, barra s-servizz li kien jagħti fil-parroċċa beda jkun mistieden biex jagħti s-sehem tiegħu barra l-parroċċa. Xi wħud minn dawn l-okkażjonijiet speċjali kienu:-
IL-KOR FI ŻMIEN L-ARĊIPRIET DUN RICHARD BORG (1994-2001)
L-Arċipriet Dun Richard Borg, kompla fejn ħalla l-Arċipriet Mifsud. Huwa ħa t-tmexxija tal-Kor f’idejh. Bħala organisti kellu miegħu l-istess tnejn ta’ qabel – is-Sur John Aquilina u s-Sur John Vassallo. Aktar tard kien hemm Miss Cynthia Fenech u s-Sur Joseph Pace. Għal xi żmien il-Kor kellu bħala direttur lil Dun Pawl Vella u lis-Sur Joseph Casha. Fil-bidu tas-sena 1996, il-Kor beda jiltaqa’ aktar ta’ spiss, flimkien mal-Kor ta’ l-Abbatini. Dan sar biex il-koristi jkunu jistgħu jitgħallmu sewwa l-kant tal-Via Sagra, “Ikun Li Trid Int”. Din ħarġet diska fis-sena 1978, u għamlet suċċess kbir. Kienet attirat ħafna mis-semmiegħa u impressjonat sewwa bis-sbuħija tagħha.9 Nhar it-Tnejn l-1 t’April 1996 il-Kor kanta għall-ewwel darba din il-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali. Din baqgħet issir għal diversi snin. Il-Knisja kienet tkun mimlija bin-nies, u kienet waħda mill-ikbar impenji li kellu l-Kor f’dawk is-snin. Matul is-sena, il-Kor baqa’ jagħti s-servizz tiegħu fil-parroċċa kemm fil-festi prinċipali kif ukoll dawk sekondarji. Servizzi oħra li l-Kor kellu barra l-parroċċa kienu:
IL-KOR FI ŻMIEN L-ARĊIPRIET DUN ALBERT BUHAGIAR (2002- )
Meta l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar ħa t-tmexxija tal-parroċċa, il-Kor Parrokkjali ma kellux Surmast jew Direttur. Kien hemm biss l-organista, is-Sur Josef Xuereb. Dun Pawl Vella offra li jieħu ħsieb il-Kor. Huwa mill-ewwel beda jlaqqa’ lill-koristi biex jippreparaw għall-funzjonijiet liturġiċi ta’ matul is-sena, kif ukoll għal xi okkażjonijiet speċjali li fihom il-Kor ikun mitlub sabiex jagħti s-servizz tiegħu. F’dan iż-żmien il-kor kien ukoll ta servizzi barra l-parroċċa. Hekk insemmu:
Wara kważi erba’ snin ta’ ħidma, minħabba impenji pastorali, Mons. Vella ma setax jieħu ħsieb aktar il-Kor. L-Arċipriet Dun Albert Buhagiar beda jfittex biex isib persuna adatta li tmexxi dan il-Kor. F’Marzu 2006, l-Arċipriet kellem lill-membri tal-Kor, u ħabbrilhom li s-Surmast Hermann Farrugia Frantz kien se jibda jieħu ħsieb il-Kor. Fl-istess ħin infurmahom ukoll li s-Sinjura Stephania Farrugia Frantz mart l-istess Surmast kienet se tingħaqad mal-Kor. Hekk kif is-Surmast Hermann Farrugia Frantz ħa t-tmexxija tal-Kor, beda jlaqqa’ l-Kor għat-tagħlim tal-kant. Kienet qorbot il-Ġimgħa l-Kbira, u ż-żmien kien riesaq sewwa għall-preparazzjoni u l-provi tal-kant għall-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Sadanittant, is-Surmast seta’ jinnota l-ħidma tal-Kor, il-ħiliet mużikali tal-membri, kif ukoll l-organiżazzjoni.10 Ta’ min jgħid ukoll li s-sinjorina Nicolina Scicluna għaddiet lill-Arċipriet il-mużika reliġjuża kollha li kellu Dun Danjel Farrugia biex b’hekk isir użu minnha kif ikun meħtieġ. Matul is-sajf ta’ l-2006, il-Kor kompla jiltaqa’ aktar ta’ spiss. Nhar it-Tnejn 24 ta’ Lulju 2006, il-membri tal-Kor kellhom laqgħa f’Dar Ommna Marija u fil-preżenża ta’ l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar u tas-Surmast Farrugia Frantz intalbu jiffurmaw kumitat biex jibdew jitħejjew linji ta’ gwida li fuqhom ried jimxi l-kor biex ikun jista’ jiffunzjona aħjar.11 Il-Membri magħżula kienu:
Surmast u Direttur - Mro Hermann Farrugia Frantz
Organista - Josef Xuereb
Chairperson - Carmen Bonello
Segretarja - Jane Baldacchino
Teżoriera - Nikolina Cachia
P.R.O. - Marthese Scicluna
Membru - Aloisia Pace
Il-laqgħat tal-Kumitat bdew isiru fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali jew inkella f’Dar Ommna Marija. Il-Kumitat beda jorganiżża attivitajiet soċjali u rikreattivi. Għal dawn l-attivitajiet kien hemm konkorrenza tajba, u kull min attenda, membri jew barranin, ħareġ sodisfatt. F’waħda mil-laqgħat tal-kumitat ġie ssuġġerit li tibda tinżamm Laqgħa Ġenerali Annwali, bil-għan li fost affarijiet oħra, l-Koristi kollha jkunu nfurmati bil-ħidma li tkun għaddejja matul is-sena mill-Kumitat. L-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali saret il-Ħadd 11 ta’ Frar 2007, fil-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani r-Rabat. Il-programm beda b’quddiesa ċċelebrata mill-Arċipriet Dun Albert Buhagiar. Wara s-Surmast Direttur Hermann Farrugia Frantz tkellem fuq il-ħidma tal-Kor, u dwar x’ jixtieq u x’hemm bżonn li jsir fil-futur. Il-President, is-Sinjorina Carmen Bonello fl-indirizz tagħha tkellmet dwar ix-xogħol tal-Kor u xi diffikultajiet li ltaqa’ magħhom. Is-Segretarja, is-Sinjura Jane Baldacchino tat ħarsa lejn il-minuti ta’ kull laqgħa u r-rapport amministrattiv. Il-kaxxiera, is-Sinjorina Nikolina Cachia tat ir-rendikont tad-dħul u l-ħruġ li kellu l-Kor. Il-P.R.O. is-Sinjura Marthese Scicluna tat id-dettalji tax-xogħol rigward ir-Relazzjonijiet Pubbliċi, u l-importanza li dawn għandhom fejn jidħlu l-attivitajiet tal-Kor. Wara nofs in-nhar, il-programm beda b’diskussjoni bejn il-membri preżenti. Fl-aħħar tad-diskussjoni l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar għalaq din il-laqgħa bi kliem ta’ inkoraġġiment u ta l-pariri tiegħu għall-futur.12 Matul din il-laqgħa l-Arċipriet approva l-kumitat preżenti għas-sena ta’ wara.
Fl-ewwel xhur tas-sena 2007, mal-Kor ingħaqdu xi rġiel, allura żdied numru sabiħ ta’ vuċijiet, ħaġa li n-nuqqas tagħha kien jinħass sew. 13 Il-ħidma fil-Kor ma tispiċċa qatt. Fil-bidu tas-sena 2008, fil-M.U.S.E.U.M. tan-nisa, il-membri tal-Kor kellhom kors ta’ teorija tal-mużika u lezzjonijiet tal-vuċi.14 Dan kien kors utli ħafna għall-membri, u għenhom biex itejbu l-ħila tagħhom.
UĦUD MILL-IMPENJI TAL-KOR F’DAWN L-AĦĦAR SNIN
i. Il-Ħamis 30 ta’ Novembru 2006: Il-Kor ta sehemu fil-quddiesa li kienet ikkonċelebrata minn Mons. Arċ. Ġużeppi Mercieca fl-okkażjoni ta’ l-għotja tal-Ministeru ta’ l-akkolitat lil erba’ seminaristi, fosthom Eucharist Zammit li huwa mill-parroċċa tagħna. Din il-Konċelebrazzjoni saret fil-Knisja Parrokkjali.
ii. Il-Ħadd – 10 ta’ Diċembru 2006 – Fl-okkażjoni ta’ l-10 anniversarju mit-twaqqif tal-Grupp tal-Armar – 6 ta’ Diċembru il-Kor kien mistieden biex ikanta waqt quddiesa ta’ ringrazzjament.
iii. Il-Ġimgħa – 15 ta’ Diċembru 2006 – L-ewwel jum tan-Novena tal-Milied. Il-Parroċċa tat bidu għan-Novena bil-kunċert tal-Milied li ttella’ mill-Kor Parrokkjali b’risq id-Dar tal-Providenza. It-tema kienet, “EN NATUS EST EMMANUEL”. Għal dan il-kunċert iżżanżnu l-uniformijiet tal-Koristi.
iv. Il-Ġimgħa 29 ta’ Diċembru 2006: Il-Kor kanta waqt quddiesa iċċelebrata fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi.
v. Il-Ġimgħa – 11 ta’ Mejju 2007- Il-Kor kien mistieden mill-Banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ biex ikanta fil-parroċċa waqt il-quddiesa lejlet il-festa liturġika ta’ San Filep.
vi. Il-Ġimgħa – 6 ta’ Lulju 2007 – Il-Kor kien mistieden biex janima bil-kant l-Ewwel Quddiesa Solenni tas-Saċerdot novel Fr. Josef Mifsud.
vii. Il-Ħadd – 19 ta’ Awwissu 2007 – Il-Kor ġie mistieden biex fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta janima bil-kant il-Quddiesa ta’ ringrazzjament fl-okkażjoni tat-tmiem tas-servizz tan-Nunzju Apostoliku f’Malta, Mons. Arċisqof Felix Del Blanco Prieto. Il-konċelebranti flimkien mal-ġemgħa preżenti kellhom kliem ta’ tifħir għall-Kor Santa Ċeċilja. Din iċ-Ċelebrazzjoni kienet imxandra “live” fuq l-R.T.K.
viii. Il-Ħadd – 2 ta’ Diċembru 2007 - Il-Kor ħa sehem fl-Oratorio “Jiena Nikola Protettur Tagħkom”, miktub minn Dun Nikol Aquilina. Dan l-Oratorio li sar fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi kien imtella’ mill-Każin Banda San Nikola fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif tal-istess Każin. Il-mużika u d-direzzjoni tal-Oratorio kienu tas-Surmast Raymond Zammit. Ħadu sehem it-Tenur Joseph Aquilina u l-Baritnu Alfred Camilleri. Il-Kor Santa Ċeċilja kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Hermann Farrugia Frantz.
ix. Il-Ġimgħa – 22 ta’ Frar 2008 - Fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tas-sala l-ġdida tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, il-Kor ferraħ lil dawk preżenti bil-kant tiegħu.
x. It-Tnejn – 17 ta’ Marzu 2008 – Fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-Kor għall-ewwel darba organiżża “Lejla Taize’ ”. Din kienet tikkonsisti f’quddiesa b’innijiet li jitkantaw Taize’, talb, qari mill-Iskrittura u adorazzjoni Ewkaristika. Min kien preżenti faħħar din il-laqgħa ta’ talb.
xi. Il-Ħadd – 27 ta’ April 2008 – Il-Kor ta s-sehem tiegħu F’Jum is-Siġġiewi organiżżat mill-Kunsill Lokali.
xii. Is-Sibt – 23 ta’ Awwissu 2008 - Il-Kor kien mistieden ikanta mal-Banda tal-Lokal “Stella Maris”, f’Tas Sliema fl-okkażjoni tal-festa.
xiii. Is-Sibt – 13 ta’ Settembru 2008 – Il-Kor kien mistieden biex ikanta fil-Knisja ta’ San Franġisk il-Hamrun għall-festa li ssir f’ġieħ l-għoti tal-Pjagi Divini lil San Franġisk.
Ta’ min jgħid ukoll li l-Kor ikun ta’ spiss mitlub biex jagħti servizz, sabiex janima bil-kant il-quddiesa tal-funerali li jsiru fil-parroċċa, u ġieli anke barra l-parroċċa. Kull raba’ Ħadd tax-xahar janima l-Quddiesa tat-8 ta’ filgħodu. Il-Kor ikun impenjat ukoll fil-festi tal-Milied, filwaqt li fl-Ewwel tas-Sena jieħu sehem ukoll fl-Open Day li tinżamm fid-Dar tal-Providenza. Il-Kor ikun impenjat bis-sħiħ fil-festi qaddisa tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid filwaqt li jipparteċipa wkoll fil-festa ta’ San Nikola. Jagħti s-sehem tiegħu ukoll f’festi bħal tar-Rużarju, San Ġużepp, Qalb ta’ Ġesu’, Corpus u fil-festa tal-Madonna tal-Providenza.
Minn żmien għal żmien, il-Kor iżomm attivitajiet soċjali u ħarġiet oħra.
Fost l-ex-membri li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem hemm il-Fundatur tal-Kor Dun Danjel Farrugia, Andrew Briffa, Carlo Cachia u oħrajn.
Matul dawn il-50 sena, il-Kor qatt ma naqas milli jagħti servizz fil-parroċċa. Minn qalbna nawguraw lill-Kor Parrokkjali, “Santa Ċeċilja”, aktar ħidma fejjieda fis-servizz mużikali li jagħtina.
Riferenzi:
1. “Old Organs in Malta and Gozo”. Edited by Hugo Agius Muscat and Luciano Buono. Media Centre Publication.
2. Guidelines għad-Diretturi tal-Korijiet Parrokkjali għall-Mużika u kant fil-knejjes. Ara, “Il-Mellieħa Novembru 1996”.
3. Programm tal-Festa Ta’ San Nikola –Ġunju 1972. Il-Kor Parrokkjali.
4. Guidelines għad-Diretturi tal-Korijiet Parrokkjali għall-Mużika u Kant fil-Knejjes. Ara, “Il-Mellieħa Ottubru 1996.
5. Silta mill-Omelija tan-Neputi ta’ Dun Danjel Farrugia, Fr. Mario Farrugia S.J. li għamel fl-okkażjoni tal-funeral ta’ Dun Danjel fl’10 ta’ Jannar 2001. Ara “Is-Siġġiewi April 2001”.
6. Minn intervista li għamilt lil Dun Danjel. Ara, “Is-Siġġiewi Diċembru 1999”.
7. Profil - L-Arċipriet il-Ġdid – Il-Kan. Dun Lawrenz Mifsud – Ara, “Is-Siġġiewi Diċembru 1982”.
8. Il-Kor Parrokkjali – Santa Ċeċilja. Ara, “Is-Siġġiewi Ġunju 1989”.
9. Aħbarijiet mill-Parroċċa. Ara, “Is-Siġġiewi Marzu 1996”.
10. Rivista Flimkien - Novembru 2006. Ara, Leħen il-Parroċċa Siġġiewi.
11.Rivista Flimkien - Ottubru 2006. Ara, Leħen il Parroċċa Siġġiewi.
12. Rivista Flimkien - April 2007. Ara, Leħen il-Parroċċa Siġġiewi.
13. Membri ġodda mal-Kor Parrokkjali. Ara, “Is-Siġġiewi Ġunju 2007”.
14 Il-Kor Parrokkjali Santa Ċeċilja f’ħidma kontinwa. Ara, “ Is-Siġġiewi Ġunju 2008”.