Dun Danjel Farrugia (Il-fundatur)

Dun Danjel Farrugia twieled is-Siġġiewi fil-31 ta’ Marzu 1924. Ġie ordnat saċerdot minn Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Parroċċa ta’ San Nikola s-Siġġiewi nhar id-19 ta’ Mejju 1951, u qaddes l-Ewwel Quddiesa Solenni tiegħu l-għada 20 ta’ Mejju 1951. Billi l-mużika kienet għal qalbu ħafna u ssokta jistudjaha, beda jagħti s-servizz ta’ organista fil-parroċċa. Fis-Sajf ta’ l-1959, Dun Danjel, bl-appoġġ sħiħ tal-Kappillan Dun Pawl Attard, waqqaf il-Kor Parrokkjali. Il-laqgħat kienu bdew f’Ottubru ta’ l-istess sena u ż-żgħażagħ, tfajliet u ġuvintur attendew numerużi. Il-Kor ġie mgħallem bċejjeċ klassiċi li mbagħad ġew esegwiti fl-inawgurazzjoni uffiċjali tiegħu, fl-Akkademja kommemorattiva li c-Ċirkolu ta’ l-Azzjoni Kattolika “Piju X1” għamel fl-Oratorju Sagra Familja f’ġieh il-Professur Nikola Zammit M.D., f’għeluq is-60 sena minn mewtu, fid-29 ta’ Novembru 1959.

Kienu ħafna l-okkażjonijiet li fihom il-Kor, taħt id-direzzjoni ta’ Dun Danjel Farrugia, ħa sehem fihom, fosthom għosrien, quddies ta’ saċerdoti ġodda, il-pussess ta’ l-Arċiprieti ġodda u purċissjonijiet. Fuq il-palk, il-Kor ikkontesta l-Ewwel Malta Song Festival, kanta fil-Phoenicia Ballroom fl-okkażjoni tal-Ġublew Saċerdotali ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, fl-Universita’ Rjali ta’ Malta fl-Akkademja f’Ġieh Rużar Briffa M.D. fl-20 ta’ April 1962.

Ta’ kull sena wkoll, f’lejlet il-festa ta’ San Nikola, il-Kor kien jieħu parti fi programm speċjali mal-Banda San Nikola.
Fost il-kitba mużikali tiegħu nsibu li Dun Danjel kiteb il-mużika ta’ l-Innu tas-Siġġiewi għall-versi tal-poeta Karmenu Vassallo “seta’ kien akbar, seta’ kien isbaħ -- Raħal Twelidi jogħġobni sħiħ.” Dun Danjel ta d-dritt tal-copyright mużikali lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, fuq talba li kien għamillu l-istess Kunsill.

Għamel xi snin ukoll jgħallem il-Liċeo, il-Belt u Maria Regina, il-Blata l-Bajda.
Dun Danjel miet nhar it-Tnejn 8 ta’ Jannar 2001 fl-eta’ ta’ 76 sena.