Mgr Lawrence Mifsud STH.L
Mons Lawrenz Mifsud bin Lawrenz Mifsud u Teresa mwielda Seychell twieled il-Birgu fil-15 ta’ Settembru 1933. Huwa attenda l-iskola Primarja tal-Birgu u taż-Żejtun fejn il-familja tiegħu għexet mill-1942 sal-1958. Mons Mifsud irċieva l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fis-Seminarju tal-Arċisqof il-Floriana bejn 1946 u l-1951.
Fl-1951 huwa daħal is-Seminarju Maġġuri u kien student regolari fl-Universita’ ta’ Malta minn fejn iggradwa Liċenzjat fit-Teologija fl-1960. Fl-istess żmien beda l-karriera mużikali tiegħu u d-daqq tal-orgni taħt Mons Carmelo Scerri, Patri Albert Borg OSA u Mro Carmelo Pace li taħtu studja l-armonija, il-kompożizzjoni u l-counterpoint.
Fl-14 ta’ Marzu 1959, Mons Mifsud kien ordnat saċerdot minn Mons Mikiel Gonżi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta. Ġie assenjat l-post ta’ għalliem fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira u organista ż-Żejtun. Fl-1963 sar Kappillan f’Marsaxlokk u fl-1964 ġie trasferit Arċipriet fil-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz, il-Birgu. Serva wkoll bħala kappillan tar-Royal Navy ibbażata fuq l-HMS St Angelo.
F’Marzu 1983 kien trasferit Arċipriet fil-parroċċa tas-Siġġiewi fejn dam sa Awissu 1994. Kien fil-bidu tal-ħidma tiegħu fis-Siggiewi li rega’ ta ħajja ġdida lill-Kor Parrokkjali tal-Parroċċa li ġie msemmi- KOR SANTA ĊEĊILJA. Dan oriġinarjament kien inbeda minn Dun Danjel Farrugia u wara għadda f’idejn is-Sur John Vasssallo. Meta rtira minn Arċipriet tas-Siġġiewi fl-1994 sar Kanonku onorarju tal-Kapitlu Metropolitan kif ukoll Rettur tas-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu f’Ħaż-Żebbuġ. Fl-1997 sar Kanonku regolari tal-Katidral u fl-2001 sar Pro-Rettur u Deputy tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta. F’ Marzu 2003 kien dekorat mis-SMOM bis-salib – Pro Piis Meritis. F’Settembru 2007 sar Kavallier ħhala Kappillan konventwali (ad honorem) tal-Ordni tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm. Fil-31 ta’ Jannar 2009 sar Kavallier bħala Kappillan Konventwali (ad honorem) tal-Ordni Militari ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm u ta’ Malta.