John Vassallo
Is-Sur Vassallo twieled fit-3 t’Awwissu 1939 is-Siġġiewi minn Gejtano u Mikelina, imwielda Mifsud. Huwa rċieva edukazzjoni terzjarja, u ħadem bħala għalliem u assistent Kap ta’ skola.
Is-Sur Vassallo kien jagħti s-sehem tiegħu bħala organista sa minn żmien l-Arċ. Dun Alwiġ Deguara. Kien għall-ħabta t’Ottubru 1978, taħt il-Parrokkat ta’ Mons. Carabott (1976-91) meta beda jagħti s-sehem tiegħu ukoll fil-Kor Parrokkjali Santa Ċeċilja kemm bħala organista, u fl-istess ħin jieħu ħsieb imexxi l-Kor. (Dan l-impenn is-Sur Vassallo żammu wkoll taħt L-Arċ. Dun Ġużepp Theuma - 1981-1982). Mons. Carabott kien ukoll jagħti s-sehem tiegħu waqt il-provi.
F’dan iż-żmien is-Sur Vassallo kien jieħu ħsieb iħejji l-Kor għas-servizzi Liturġiċi tal-Festi Prinċipali, kif ukoll dawk sekondarji ta’ matul is-sena. F’dak iż-żmien fil-Kor kien hemm numru ta’ xebbiet, ġuvintur, nisa u rġiel.
Is-Sur Vassallo ta s-sehem tiegħu ukoll taħt il-Parrokkat tal-Kan. Dun Lawrenz Mifsud (1983 -94) bħala organista, flimkien ma’ l-organista is-Sur John Aquilina.
Meta beda l-parrokkat tiegħu Dun Richard Borg (1994-2001) baqa, jagħti s-sehem tiegħu bħala organista għal xi żmien ukoll. Dan flimkien ma’ l-organista is-Sur John Aquilina.